European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/486

18.3.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/486

tas-17 ta’ Marzu 2025

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet u tal-proċeduri relatati mal-istatus tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(8) u l-Artikolu 17(10) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/956 jistabbilixxi r-regoli għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni biex wieħed isir dikjarant awtorizzat tas-CBAM (l-“applikazzjoni”) u jistabbilixxi l-kriterji u l-proċeduri biex tingħata din l-awtorizzazzjoni.

(2)

L-importaturi għandhom jissottomettu l-applikazzjoni sabiex ikunu jistgħu jimportaw l-oġġetti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/956 fit-territorju doganali tal-Unjoni. L-importaturi tal-elettriku, li għalihom japplika l-Artikolu 5(4) ta’ dak ir-Regolament, għandhom jitqiesu bħala dikjaranti awtorizzati tas-CBAM mingħajr il-ħtieġa li jissottomettu applikazzjoni.

(3)

Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli ta’ implimentazzjoni għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet u għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, filwaqt li tqis kif xieraq il-ħtieġa li jiġi minimizzat il-piż amministrattiv, permezz tal-awtomatizzazzjoni tal-proċeduri u l-awtodikjarazzjoni tal-informazzjoni sa fejn ikun possibbli.

(4)

Sabiex jikseb l-awtorizzazzjoni, l-applikant jenħtieġ li, qabel l-ewwel importazzjoni tal-oġġetti, jissottometti l-applikazzjoni lill-Istat Membru ta’ stabbiliment permezz ta’ format standard ipprovdut fir-reġistru tas-CBAM.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti tiddeċiedi abbażi ta’ sett komplut u aġġornat ta’ informazzjoni, l-applikant jenħtieġ li jitħalla, qabel ma l-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni, jitlob aġġustament tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni, flimkien ma’ ġustifikazzjoni għal talba bħal din. Dak id-dritt jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-applikant li jikseb mingħand il-kontrollur tad-data, fi kwalunkwe ħin, rettifika tad-data personali tiegħu li ma tkunx korretta, f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(6)

Sabiex jiġi żgurat, minn naħa waħda, li l-awtorità kompetenti tkun tista’ teżamina b’mod xieraq l-applikazzjoni u twettaq il-proċedura ta’ konsultazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-applikanti jirċievu deċiżjoni f’waqtha dwar l-applikazzjoni tagħhom, l-awtorità kompetenti li lilha tkun indirizzata applikazzjoni jenħtieġ li tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni f’perjodu raġonevoli. Jenħtieġ li dak il-perjodu ta’ żmien ma jaqbiżx il-120 jum kalendarju.

(7)

Jenħtieġ li meta jkun hemm bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant, l-awtorità kompetenti titħalla tagħmel dan. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tkun tista’ testendi l-iskadenza għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal perjodu raġonevoli.

(8)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni matul l-ewwel xhur tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, hija meħtieġa estensjoni tal-perjodu biex l-awtoritajiet kompetenti jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet.

(9)

L-iskadenza għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tista’ tiġi estiża meta jkunu meħtieġa investigazzjonijiet biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant kienx involut fi ksur serju jew ripetut.

(10)

Sabiex jippermettu l-awtorizzazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-importaturi tal-elettriku li għalihom japplika l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2023/956 jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-importazzjoni li l-Artikolu 5(4) ta’ dak ir-Regolament huwa applikabbli għalihom u jipprovdu dokumenti li jappoġġaw dik l-affermazzjoni.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li l-importaturi bona fide biss isiru dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw li l-applikanti ma kinux involuti fi ksur serju jew ripetut tal-leġiżlazzjoni matul perjodu raġonevoli qabel ma jissottomettu applikazzjoni, f’reati kriminali ekonomiċi matul il-5 snin ta’ qabel l-applikazzjoni, u li jkollhom klassifikazzjoni finanzjarja tajba.

(12)

Skont valutazzjoni tar-riskju mill-awtorità kompetenti, il-konformità mal-kriterji fl-Artikolu 17(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/956 tista’ tiġi stabbilita abbażi tad-dikjarazzjoni fuq l-unur kif imsemmi fl-Artikolu 5(5), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2023/956. Fejn meħtieġ, l-awtorità kompetenti tista’ titlob rekord kriminali mill-applikant biex tikkonferma l-informazzjoni sottomessa fl-applikazzjoni.

(13)

Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-proċedura ta’ konsultazzjoni jenħtieġ li jippermettu lill-awtorità kompetenti tiġbor informazzjoni mill-Kummissjoni u minn awtoritajiet kompetenti oħra dwar l-issodisfar tal-kriterji għall-awtorizzazzjoni mill-applikant. Id-data li tasal matul il-perjodu tranżizzjonali turi li l-importaturi li jimportaw kull sena oġġetti li jiżnu inqas minn tunnellata waħda huma involuti f’attivitatijiet transfruntieri limitati, u għalhekk l-iskadenza stabbilita għall-proċedura ta’ konsultazzjoni jenħtieġ li tvarja kif xieraq.

(14)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni proporzjonata tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, fl-evalwazzjoni tagħhom tal-kriterji għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni, iqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-applikant, u b’mod partikolari l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju li jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal piż amministrattiv bla bżonn.

(15)

Meta l-applikant ma jkunx ġie stabbilit bħala persuna ġuridika matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel is-sena meta tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tirrikjedi l-għoti ta’ garanzija. Is-sottoskrizzjoni ta’ dik il-garanzija jenħtieġ li tiġi rreġistrata fir-reġistru tas-CBAM f’perjodu ddeterminat minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti timmonitorja l-garanzija biex tiżgura s-suffiċjenza kontinwa tagħha, inkluż billi tirrikjedi aġġustament fejn meħtieġ, u jenħtieġ li tirrilaxxa l-garanzija meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 17(7) tar-Regolament (UE) 2023/956.

(16)

Sabiex jiġi żgurat li d-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM ikomplu jissodisfaw il-kriterji għall-awtorizzazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess u wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni, jirrivalutaw il-kriterji għall-awtorizzazzjoni, malli jirċievu l-informazzjoni pprovduta minn awtorità kompetenti oħra jew mill-Kummissjoni, jew malli jirċievu l-informazzjoni pprovduta mid-dikjarant awtorizzat tas-CBAM.

(17)

Il-persuni li l-istatus tagħhom ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM jiġi revokat jenħtieġ li jikkonformaw mal-obbligi kollha tagħhom għall-oġġetti importati qabel ir-revoka. Meta l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM jiġi revokat, il-kont tas-CBAM assenjat għandu jingħalaq, meta jkun hemm konformità mal-obbligi kollha f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2023/956. Il-kont tas-CBAM jista’ jerġa’ jinfetaħ biss fil-perjodu ta’ rieżami msemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2023/956. Wara dak il-perjodu, il-kont tas-CBAM jenħtieġ li jingħalaq b’mod permanenti.

(18)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni għall-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM u dawk dwar l-għoti ta’ status bħal dan huma marbuta mill-qrib peress li jittrattaw is-sottomissjoni tal-applikazzjoni u mal-kriterji u l-proċedura għall-awtorizzazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jinkludi d-dispożizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 5(8) u mill-Artikolu 17(10) tar-Regolament (UE) 2023/956 f’Regolament wieħed.

(19)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika mit-28 ta’ Marzu 2025 biex l-awtorizzazzjoni tad-dikjaranti tas-CBAM tkun tista’ ssir bla xkiel b’mod parallel mal-iżvilupp tas-sistema rilevanti tal-IT għar-reġistru tas-CBAM sabiex dak ir-reġistru jkun operazzjonali għalkollox sal-1 ta’ Jannar 2026.

(20)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar ta’ data personali jenħtieġ li jitwettaq biss għall-finijiet ta’ miżuri relatati mal-għoti jew mar-revoka tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM, kif definit f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe proċessar ta’ data personali jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa biex jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġetti tad-data meta jkun meħtieġ li tiġi pproċessata data personali skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/679. Minbarra miżuri tekniċi u organizzattivi oħra li jridu jiġu implimentati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, dawk is-salvagwardji jenħtieġ li jinkludu miżuri speċifiċi biex jipprevjenu l-aċċess mhux awtorizzat għal dik id-data jew id-divulgazzjoni tagħha.

(21)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta l-opinjoni tiegħu fis-27 ta’ Novembru 2024.

(22)

Sabiex l-applikazzjoni tar-Regolament tkun tista’ ssir f’waqtha, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(23)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tas-CBAM,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Applikazzjoni biex wieħed isir dikjarant awtorizzat tas-CBAM

Artikolu 1

Proċeduri għall-applikazzjoni

1.   Il-proċeduri għall-applikazzjoni biex wieħed isir dikjarant awtorizzat tas-CBAM (“l-applikazzjoni”) għandhom jitwettqu permezz tar-reġistru tas-CBAM f’format elettroniku.

2.   Meta japplika għall-awtorizzazzjoni, kull applikant imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2023/956 għandu jipprovdi l-informazzjoni elenkata f’dak l-Artikolu.

3.   Meta l-applikant ikun persuna ġuridika stabbilita f’pajjiż terz u jkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, il-punt (31)(b) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-applikant għandu jipprovdi l-indirizz tiegħu f’dak il-pajjiż terz, l-indirizz tal-istabbiliment tiegħu u n-numru EORI fl-Istat Membru fejn tiġi sottomessa l-applikazzjoni.

4.   Kull applikazzjoni għandha awtomatikament tiġi assenjata numru ta’ referenza uniku tal-applikazzjoni fir-reġistru tas-CBAM.

Artikolu 2

Aġġustamenti tal-applikazzjoni sottomessa

1.   L-applikant għandu jinforma lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni u għandu jitlob aġġustament ta’ dik l-informazzjoni qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. L-applikant għandu jissottometti t-talba għal aġġustament, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti u dokument ta’ sostenn, lill-awtorità kompetenti.

2.   Talba għal aġġustament tal-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(5), il-punti (a), (c), u (h) tar-Regolament (UE) 2023/956 ma għandux jirrikjedi ġustifikazzjoni u l-informazzjoni għandha tiġi aġġustata u rreġistrata awtomatikament.

3.   L-applikant għandu jipprovdi ġustifikazzjonijiet għal talba biex tiġi aġġustata l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(5), il-punti (d) sa (g) tar-Regolament (UE) 2023/956 fit-talba għal aġġustament.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ testendi l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4(1) bi 30 jum kalendarju meta tkun teħtieġ li tirrivaluta l-applikazzjoni minħabba t-talba tal-applikant biex tiġi aġġustata l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni.

5.   Meta l-aġġustamenti mitluba jkunu sostanzjali, l-awtorità kompetenti tista’ twarrab l-applikazzjoni u tirrikjedi s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni ġdida.

Artikolu 3

Irtirar tal-applikazzjoni wara li tkun inbdiet il-proċedura ta’ konsultazzjoni

Meta l-applikant jirtira l-applikazzjoni wara li tkun inbdiet proċedura ta’ konsultazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1), l-awtorità kompetenti għandha twaqqaf il-proċedura ta’ konsultazzjoni u għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni (il-“partijiet ikkonsultati”) bl-irtirar.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-applikazzjoni fi żmien 120 jum kalendarju mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni.

2.   Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni dwar jekk il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2023/956 humiex issodisfati, l-awtorità kompetenti tista’ tqis dan li ġej:

(a)

konklużjonijiet tal-esperti;

(b)

konklużjonijiet ta’ partijiet terzi;

(c)

awditi pprovduti mill-applikant.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tiddokumenta l-evalwazzjoni tal-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2023/956 u r-riżultati tiegħu.

4.   Meta l-applikant ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-applikazzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-applikant bir-rifjut u bir-raġunijiet għal dan mingħajr dewmien.

5.   B’deroga mill-paragrafu 1, għall-applikazzjonijiet biex wieħed isir dikjarant awtorizzat tas-CBAM sottomessi qabel il-15 ta’ Ġunju 2025, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-applikazzjoni fi żmien 180 jum kalendarju.

Artikolu 5

Talba għal informazzjoni addizzjonali mill-awtorità kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mill-applikant li tkun meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet u għall-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2023/956.

2.   L-applikant għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni mitluba f’konformità mal-paragrafu 1, inkluż id-dokumenti ta’ sostenn meta applikabbli, sal-iskadenza stabbilita mill-awtorità. Dik l-iskadenza ma għandhiex taqbeż it-30 jum kalendarju mid-data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali.

3.   Meta l-awtorità kompetenti titlob informazzjoni addizzjonali, l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4(1) tista’ tiġi estiża sa 30 jum kalendarju. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-applikant dwar estensjoni bħal din u r-raġunijiet għaliha.

4.   Il-valutazzjoni ta’ applikazzjoni fil-każijiet fejn tintalab informazzjoni addizzjonali f’konformità ma’ dan l-Artikolu ma għandhiex taqbeż il-180 jum kalendarju mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni.

Artikolu 6

Deċiżjoni negattiva maħsuba u appell

1.   Meta l-awtorità kompetenti jkollha l-ħsieb li tirrifjuta l-għoti tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-applikant b’dan u għandha tipprovdi lill-applikant il-possibbiltà li jissottometti osservazzjonijiet.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiddikjara dan li ġej fil-komunikazzjoni lill-applikant:

(a)

l-intenzjoni u r-raġunijiet għar-rifjut li jingħata l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM;

(b)

il-perjodu li matulu l-applikant jista’ jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

3.   Il-perjodu msemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b), għandu jibda mid-data li fiha l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-applikant bil-komunikazzjoni u ma għandux jaqbeż it-30 jum kalendarju.

4.   Wara l-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b), filwaqt li tqis l-osservazzjonijiet sottomessi mill-applikant, l-awtorità kompetenti tista’ tipproċedi bit-teħid tad-deċiżjonijiet finali tagħha.

5.   Meta l-awtorità kompetenti tirrifjuta li tagħti l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM, u l-applikant ikun eżerċita d-dritt ta’ appell, l-awtorità kompetenti għandha tirreġistra l-eżistenza tal-appell u r-riżultat tiegħu fir-reġistru tas-CBAM.

Artikolu 7

Data tal-effett ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni

1.   Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-awtorità kompetenti tirreġistra dik id-deċiżjoni fir-reġistru tas-CBAM, u l-applikant jiġi nnotifikat b’dik id-deċiżjoni fir-reġistru tas-CBAM.

2.   Meta r-reġistrazzjoni ta’ garanzija tkun meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE) 2023/956, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tar-reġistrazzjoni tal-garanzija f’konformità mal-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Identifikazzjoni tal-importaturi tal-elettriku

1.   Kull persuna li lilha tkun ġiet allokata kapaċità espliċita għall-importazzjoni tal-elettriku f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2023/956, u li tinnomina dik il-kapaċità għall-importazzjoni, għandha tipprovdi, fi żmien xahar wara d-dikjarazzjoni doganali msemmija fl-Artikolu 5(4) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni doganali b’dan li ġej:

(a)

dik id-dikjarazzjoni doganali li tkopri l-importazzjonijiet tal-elettriku;

(b)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(5), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2023/956;

(c)

indikazzjoni li l-kapaċità għall-importazzjoni tal-elettriku ġiet allokata lil dik il-persuna u li din il-kapaċità kienet nominata għall-importazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2023/956;

(d)

dokumenti li jappoġġaw l-indikazzjoni msemmija fil-punt (c) ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 9

Ksur serju jew ripetut

1.   Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2023/956 għandhom jiġu ssodisfati meta l-applikant, il-persuni responsabbli mill-kwistjonijiet tas-CBAM tal-applikant, il-persuni responsabbli mill-applikant u l-persuni li jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni tal-applikant jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni, wara proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji, li tikkonkludi li dawk il-persuni kienu involuti, matul it-3 snin ta’ qabel l-applikazzjoni, fi ksur serju jew ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali, tar-regoli ta’ tassazzjoni, tar-regoli dwar l-abbuż tas-suq jew tar-Regolament (UE) 2023/956 jew f’atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dak ir-Regolament;

(b)

ma jkollhom l-ebda rekord ta’ reati kriminali serji fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom matul il-5 snin ta’ qabel l-applikazzjoni.

2.   Meta l-applikant ikun ilu stabbilit għal inqas minn 5 snin, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment għandha tivvaluta l-applikazzjoni abbażi tar-rekords u l-informazzjoni li jkunu disponibbli għaliha.

3.   L-awtorità kompetenti għandha titlob l-informazzjoni li ġejja, meta meħtieġ biex tistabbilixxi li l-applikant ma kienx involut fi ksur serju jew ripetut imsemmi fl-Artikolu 17(2)(a) tar-Regolament (UE) 2023/956:

(a)

il-fedina penali jew kwalunkwe dokument ieħor li jiġi aċċettat skont il-liġi nazzjonali bħala fedina penali tal-persuna fiżika li tapplika għall-awtorizzazzjoni;

(b)

il-fedina penali, jew kwalunkwe dokument ieħor li jiġi aċċettat skont il-liġi nazzjonali bħala fedina penali, tas-sid benefiċjarju tal-persuna ġuridika li taġixxi bħala applikant u tal-maniġers ta’ dik il-persuna ġuridika.

4.   Meta l-awtorità kompetenti titlob il-fedina penali jew kwalunkwe dokument ieħor li jiġi aċċettat skont il-liġi nazzjonali bħala fedina penali kif imsemmi fil-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti għandha tirreġistra r-raġunijiet għal talba bħal din. L-awtorità kompetenti ma għandhiex iżżomm il-fedina penali jew kwalunkwe dokument ieħor aċċettat skont id-dritt nazzjonali bħala fedina penali wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tingħata l-awtorizzazzjoni. Meta tkun ittieħdet deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 6(4), dawk ir-rekords jew id-dokumenti jenħtieġ li jinżammu biss għat-tul tal-appell skont l-Artikolu 6(5), meta applikabbli. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-aċċess għall-fedini penali jkun limitat għal persuni li huma responsabbli f’dik l-awtorità kompetenti għat-twettiq tal-valutazzjoni ta’ ksur serju jew ripetut.

Artikolu 10

Kundizzjonijiet għall-kapaċità finanzjarja u operazzjonali

1.   Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/956 jintlaħqu meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-applikant ma jkunx soġġett għal proċedimenti ta’ falliment;

(b)

l-applikant ma jkunx qiegħed lura b’mod sinifikanti fil-ħlas ta’ dazji doganali, taxxi jew imposti li jinġabru fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti u obbligi regolatorji finanzjarji, jew b’rabta magħha;

(c)

l-applikant juri kapaċità finanzjarja suffiċjenti biex jissodisfa l-obbligi tiegħu u jwettaq l-impenji wara li jqis it-tip u l-volum tal-attività ekonomika mwettqa billi jindika ċ-ċifri finanzjarji u kwalunkwe informazzjoni finanzjarja oħra;

(d)

l-applikant għandu organizzazzjoni amministrattiva xierqa biex jissodisfa l-obbligi stmati li jċedi ċ-ċertifikati tas-CBAM, u għandu kontrolli interni li kapaċi jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji fid-dikjarazzjonijiet CBAM u fil-ġestjoni taċ-ċertifikati tas-CBAM, u li jipprevjenu u jidentifikaw tranżazzjonijiet illegali jew irregolari.

2.   Jekk l-applikant ikun ilu stabbilit għal inqas minn sentejn, il-kapaċità finanzjarja kif imsemmija fl-Artikolu 17(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/956 għandha tiġi vverifikata u vvalutata abbażi ta’ rekords u informazzjoni li jkunu disponibbli.

3.   Meta teżamina l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha teżamina d-data pprovduta fl-applikazzjoni, u meta jkun meħtieġ, id-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti flimkien mal-applikazzjoni u għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-applikant, inkluż l-informazzjoni dwar il-volum stmat ta’ importazzjonijiet ipprovdut mill-applikant f’konformità mal-Artikolu 5(5), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2023/956.

Artikolu 11

Proċedura ta’ konsultazzjoni u format għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti għandha tibda, f’format elettroniku permezz tar-reġistru tas-CBAM, il-proċedura ta’ konsultazzjoni li tinvolvi lill-partijiet ikkonsultati msemmija fl-Artikolu 17(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2023/956 (il-“proċedura ta’ konsultazzjoni”) fi żmien 45 jum kalendarju mill-mument meta tkun irċeviet l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1).

2.   Matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tibda l-konsultazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

jekk il-partijiet ikollhomx xi oġġezzjoni li jagħtu l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM;

(b)

jekk l-applikant ikunx issottometta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fl-Istat Membru tiegħu;

(c)

jekk l-applikant ma jkunx ingħata awtorizzazzjoni fl-Istat Membru tiegħu;

(d)

jekk l-applikant kellux awtorizzazzjoni revokata fl-Istat Membru tiegħu.

3.   Meta parti kkonsultata fil-proċedura ta’ konsultazzjoni jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni li l-applikant jista’ ma jissodisfax waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-għoti tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM, hija għandha tirreġistra l-pożizzjoni tagħha filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet, dokumentati u ġġustifikati kif xieraq, fir-reġistru tas-CBAM mingħajr dewmien.

4.   Il-partijiet ikkonsultati fil-proċedura ta’ konsultazzjoni għandu jkollhom aċċess, permezz tar-reġistru tas-CBAM, għan-numru EORI, għall-informazzjoni ta’ kuntatt, għall-istatus tal-applikazzjoni, u għat-tweġibiet tal-partijiet ikkonsultati msemmija fil-paragrafu 3.

5.   L-awtorità kompetenti tista’ titlob informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali mill-partijiet ikkonsultati, meta dik l-awtorità kompetenti tqis li dan ikun meħtieġ wara t-tweġibiet tal-partijiet ikkonsultati msemmija fil-paragrafu 3. Parti kkonsultata li tintalab tipprovdi informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali għandha tipproduċi dik l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni addizzjonali fi żmien 5 ijiem ta’ xogħol.

Artikolu 12

Perjodu għal konsultazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi skadenza għall-partijiet ikkonsultati biex jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 11(3).

2.   L-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż il-5 ijiem ta’ xogħol meta, skont l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni, il-volum annwali stmat tal-importazzjonijiet tal-oġġetti jkun jikkorrispondi għal tunnellata jew anqas.

3.   L-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex taqbeż 15-il jum ta’ xogħol meta, skont l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni, il-volum annwali stmat tal-importazzjonijiet tal-oġġetti jkun jaqbeż it-tunnellata.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ testendi l-iskadenza stabbilita għall-konsultazzjoni f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-applikant jitlob aġġustamenti f’konformità mal-Artikolu 2 li huma aċċettati mill-awtorità kompetenti u li huma rilevanti għall-fini ta’ konsultazzjoni;

(b)

il-parti kkonsultata titlob aktar żmien minħabba n-natura tal-eżamijiet li għandhom jitwettqu.

(c)

l-estensjoni msemmija fil-punt (b) ma għandhiex taqbeż il-15-il jum ta’ xogħol.

5.   Meta l-partijiet ikkonsultati ma jirreaġixxux sal-iskadenzi stabbiliti għall-konsultazzjoni f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4, il-kundizzjonijiet u l-kriterji li għalihom tkun saret il-konsultazzjoni għandhom jitqiesu li huma ssodisfati.

KAPITOLU II

Garanzija

Artikolu 13

Għoti ta’ garanzija

Meta jkun meħtieġ l-għoti ta’ garanzija msemmija fl-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE) 2023/956, il-garanzija għandha tiġi pprovduta mill-applikant lill-awtorità kompetenti u għandha tiġi rreġistrata mill-awtorità kompetenti fir-reġistru tas-CBAM.

Artikolu 14

Monitoraġġ tal-garanzija

1.   L-awtorità kompetenti li tagħti l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM għandha timmonitorja l-garanzija.

2.   Id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM għandu jiżgura li l-garanzija tkun f’livell suffiċjenti biex tkopri l-għadd ta’ ċertifikati tas-CBAM li d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM ikollu jċedi f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2023/956 fir-rigward tal-oġġetti importati meta mqabbla mal-istimi li jsiru f’konformità mal-Artikolu 5(5), il-punt (g) ta’ dak ir-Regolament.

3.   Id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM għandu jiżgura li l-garanzija tibqa’ fil-livell imsemmi fil-paragrafu 2 fi kwalunkwe ħin.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tirrivaluta l-ammont tal-garanzija u għandha titlob, meta meħtieġ, aġġustament tal-garanzija biex tikkonforma mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament u mal-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) 2023/956.

Artikolu 15

Aċċettazzjoni ta’ forom oħra ta’ garanzija

L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni meta taċċetta forom oħra ta’ garanzija skont l-Artikolu 17(5), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2023/956.

Artikolu 16

Aġġustament tal-garanzija

1.   Meta l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li jkun meħtieġ aġġustament ta’ garanzija biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti fl-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) 2023/956, hija għandha tirrikjedi li d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM jaġġusta l-garanzija mingħajr dewmien.

2.   Deċiżjoni li jiġi aġġustat l-ammont ta’ garanzija għandha tkun ibbażata fuq l-ammont ta’ oġġetti importati ddikjarati fid-dikjarazzjoni doganali u informazzjoni rilevanti oħra disponibbli għall-awtorità kompetenti. Dik l-informazzjoni għandha ssir aċċessibbli għad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM mill-awtorità kompetenti.

3.   Id-dikjarant tas-CBAM għandu jipprovdi l-garanzija aġġustata f’limitu ta’ żmien deċiż mill-awtorità kompetenti li ma għandux jaqbeż ix-xahrejn minn meta tkun saret it-talba fil-paragrafu 1. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra l-garanzija aġġustata fir-reġistru tas-CBAM mingħajr dewmien.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ testendi l-perjodu stabbilit fil-paragrafu 3 meta d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM jipprovdi talba motivata f’dak ir-rigward. Meta tingħata, l-iskadenza estiża ma għandhiex tkun itwal minn 3 xhur wara t-talba biex tiġi aġġustata l-garanzija magħmula mill-awtorità kompetenti.

5.   Meta d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM ma jipprovdix il-garanzija aġġustata sal-iskadenza kif stabbilita fil-paragrafu 3 jew fil-paragrafu 4, kif applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha tibda l-proċedura ta’ revoka msemmija fl-Artikolu 22.

KAPITOLU III

Awtorizzazzjoni

Artikolu 17

Informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni

1.   Id-deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni speċifikata fl-Anness. Dik l-awtorizzazzjoni għandha minn hawn ’il quddiem tiġi rreġistrata bħala “attiva” fir-reġistru tas-CBAM.

2.   In-numru tal-kont tas-CBAM assenjat f’konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2023/956, għandu jindika l-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tkun tat l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM.

Artikolu 18

Rivalutazzjoni tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM

1.   L-awtorità kompetenti li tkun tat l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM għandha tirrivaluta dak l-istatus perjodikament, u mill-inqas fil-każijiet li ġejjin:

(a)

tinbidel l-informazzjoni pprovduta mid-dikjarant awtorizzat tas-CBAM f’konformità mal-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) 2023/956;

(b)

l-awtorità kompetenti jkollha informazzjoni li tindika li ma tkunx għadha qed tiġi sodisfata l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2023/956;

(c)

l-awtorità kompetenti jkollha informazzjoni li tindika li ma jkunux qed jiġu ssodisfati l-kriterji għall-għoti tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2023/956;

(d)

in-numru EORI ġie invalidat f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

2.   L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru għajr dik tal-awtorità kompetenti li tat l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil dik l-awtorità kompetenti mingħajr dewmien, f’każ li d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM kien involut fi ksur serju jew ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali, tar-regoli tat-tassazzjoni jew tar-regoli dwar l-abbuż tas-suq f’konformità mal-Artikolu 17(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/956.

Artikolu 19

Konklużjonijiet tar-rivalutazzjoni

1.   Meta, abbażi tar-rivalutazzjoni msemmija fl-Artikolu 18, l-awtorità kompetenti li tkun tat l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM tikkonkludi li hemm bżonn li jsiru aġġustamenti fl-istatus tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM, għandha tikkomunika mingħajr dewmien il-konklużjonijiet tar-rivalutazzjoni lid-dikjarant awtorizzat tas-CBAM.

2.   Id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM jista’ jwieġeb għall-komunikazzjoni pprovduta f’konformità mal-paragrafu 1 fi żmien 30 jum kalendarju min-notifika ta’ dik il-komunikazzjoni.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tibda l-proċedura ta’ revoka tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM f’konformità mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament meta l-awtorità kompetenti tikkonkludi, filwaqt li tqis kwalunkwe osservazzjoni espressa mid-dikjarant awtorizzat tas-CBAM f’konformità mal-paragrafu 2, li d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM ma għadux jissodisfa l-kriterji u l-kundizzjonijiet biex ikollu awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2023/956.

KAPITOLU IV

Revoka tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-revoka tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM

1.   Il-persuna li l-istatus tagħha ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM ikun ġie revokat għandha tikkonforma mal-obbligu li tissottometti dikjarazzjoni tas-CBAM f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2023/956, għall-oġġetti importati qabel ir-revoka.

2.   Il-persuna li l-istatus tagħha ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM ikun ġie revokat tista’ terġa’ tapplika għal awtorizzazzjoni fi kwalunkwe ħin, meta jiġu ssodisfati l-obbligi fil-paragrafu 1.

Artikolu 21

Proċedura ta’ revoka fuq talba tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM

1.   Meta d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM jitlob ir-revoka tal-awtorizzazzjoni tiegħu, għandu jindika r-raġuni u d-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ ir-revoka (id-data tar-revoka). Id-data tar-revoka ma tistax tippreċedi s-sottomissjoni tat-talba għal revoka. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra r-raġunijiet għat-talba għal revoka.

2.   Meta t-talba għal revoka msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu taħbat qabel jew fil-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, id-dikjarazzjoni tas-CBAM għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2023/956 u meta xieraq, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (d) ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tal-oġġetti importati qabel id-data tar-revoka u li ma tkunx koperta b’xi mod ieħor minn dikjarazzjoni tas-CBAM.

3.   Meta d-data tar-revoka msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu taħbat wara l-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, id-dikjarazzjoni tas-CBAM għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2023/956 u, meta xieraq, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (d) ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tal-oġġetti importati bejn l-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena u d-data tar-revoka.

4.   Id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM li jitlob ir-revoka għandu jippreżenta d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 3 fi żmien xahar mid-data tar-revoka msemmija fil-paragrafu 1.

5.   Meta d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM ma jkunx jista’ jissottometti d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, għandu jinforma lill-awtorità kompetenti b’dan flimkien mat-talba għal revoka msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Fid-data tar-revoka, id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/956 lill-awtorità kompetenti.

6.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi fi żmien xahar mid-data tar-revoka d-dikjarazzjoni tas-CBAM għall-oġġetti importati mhux koperti b’mod ieħor minn dikjarazzjoni tas-CBAM abbażi tal-informazzjoni riċevuta f’konformità mal-paragrafu 5, u tal-informazzjoni kkomunikata f’konformità mal-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2023/956, tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, u tal-emissjonijiet integrati, iddeterminati b’referenza għall-valuri prestabbiliti f’konformità mal-metodi stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2023/956.

7.   L-għadd totali ta’ ċertifikati tas-CBAM ikkalkolat abbażi tal-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 6, għandu jiġi ċedut mid-dikjarant awtorizzat tas-CBAM li jitlob ir-revoka fi żmien 15-il jum kalendarju.

8.   Dikjarant awtorizzat tas-CBAM jista’ jirtira t-talba għal revoka tal-awtorizzazzjoni tiegħu fi kwalunkwe ħin qabel ma l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet dwar it-talba għal revoka.

9.   L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lid-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra bir-revoka tal-istatus tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM.

Artikolu 22

Intenzjoni li tinbeda l-proċedura ta’ revoka mill-awtorità kompetenti

1.   Meta l-awtorità kompetenti jkollha l-ħsieb li tirrevoka awtorizzazzjoni, hija għandha tivvaluta l-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 17(8) tar-Regolament (UE) 2023/956, u kif speċifikat fl-Artikoli 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Meta l-awtorità kompetenti tiddetermina jekk id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM kienx involut fi ksur serju jew ripetut tal-obbligu li jċedi ċ-ċertifikati tas-CBAM imsemmija fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2023/956 jew tal-obbligu li jiżgura għadd suffiċjenti ta’ ċertifikati tas-CBAM fil-kont tas-CBAM imsemmi fl-Artikolu 22(2) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tqis il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-prontezza tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM biex jikkonforma mat-talba li jċedi l-ammont korrett ta’ ċertifikati tas-CBAM, jew li jiżgura ammont suffiċjenti ta’ ċertifikati tas-CBAM fil-kont tas-CBAM;

(b)

l-imġiba intenzjonata jew negliġenti tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM;

(c)

l-imġiba fil-passat tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM;

(d)

il-livell ta’ kooperazzjoni tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM biex itemm il-ksur jew l-imġiba ripetuta;

(e)

jekk id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM jkun ħa miżuri b’mod volontarju biex jiżgura li ma jkunx jista’ jitwettaq ksur simili fil-futur.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ titlob lid-dikjarant awtorizzat tas-CBAM jipprovdi informazzjoni addizzjonali, jipprovdi osservazzjonijiet dwar l-informazzjoni li fuqha l-awtorità kompetenti jkun beħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tirrevoka l-awtorizzazzjoni qabel ma tieħu tali deċiżjoni jew tibda proċedura ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 25. L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi skadenza, li ma taqbiżx l-10 ijiem ta’ xogħol, li fiha d-dikjarant għandu jipprovdi l-informazzjoni mitluba jew l-osservazzjonijiet.

Artikolu 23

Deċiżjoni biex jiġi revokat l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM

1.   Skont il-valutazzjoni f’konformità mal-Artikolu 22, u wara li d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM ikun instema’ skont l-Artikolu 27, tista’ tittieħed deċiżjoni ta’ revoka mill-awtorità kompetenti. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha tiġi nnotifikata mingħajr dewmien fir-reġistru tas-CBAM.

2.   Meta d-deċiżjoni ta’ revoka tkun ġiet notifikata qabel jew fil-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, id-dikjarazzjoni tas-CBAM għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2023/956 u, fejn xieraq, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament, rigward oġġetti importati qabel id-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar ir-revoka u mhux koperti b’mod ieħor minn dikjarazzjoni tas-CBAM.

3.   Meta d-deċiżjoni ta’ revoka tkun ġiet notifikata wara l-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, id-dikjarazzjoni tas-CBAM għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2023/956 u, fejn xieraq, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (d) ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tal-oġġetti importati bejn l-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena u d-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ revoka.

4.   Il-persuna li jkollha awtorizzazzjoni revokata għandha tippreżenta d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jew 3 fi żmien xahar mid-data meta r-revoka tkun ġiet notifikata.

5.   Meta l-persuna li jkollha awtorizzazzjoni revokata ma tkunx tista’ tissottometti d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti b’dan u tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament (UE) 2023/956 minnufih lill-dik l-awtorità.

6.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi, fi żmien xahar mid-data meta tiġi riċevuta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, dikjarazzjoni tas-CBAM, għall-oġġetti importati mhux koperti b’mod ieħor minn dikjarazzjoni tas-CBAM, abbażi tal-informazzjoni riċevuta f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, tal-informazzjoni kkomunikata f’konformità mal-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2023/956, tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, u tal-emissjonijiet integrati, iddeterminati b’referenza għall-valuri prestabbiliti f’konformità mal-metodi stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2023/956.

7.   L-għadd totali ta’ ċertifikati tas-CBAM ikkalkolat abbażi tal-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 6, għandu jiġi ċedut mill-persuna li jkollha awtorizzazzjoni revokata fi żmien 15-il jum kalendarju.

Artikolu 24

Data effettiva

1.   Ir-revoka tal-istatus tad-dikjarant awtorizzat tas-CBAM għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data li fiha tkun ġiet notifikata d-deċiżjoni dwar ir-revoka skont l-Artikolu 21(9) u l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament. In-notifika dwar dik id-deċiżjoni għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru tas-CBAM u d-dikjarant tas-CBAM għandu jitqies notifikat.

2.   Ir-revoka ma għandu jkollha l-ebda effett fuq il-validità tal-importazzjoni tal-oġġetti, u l-emissjonijiet relatati, li seħħew qabel il-persuna li l-istatus tagħha ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM huwa rreġistrat bħala revokat fir-reġistru tas-CBAM.

3.   Meta l-awtorizzazzjoni tas-CBAM tkun ġiet revokata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 23, il-kont tas-CBAM għandu jibqa’ bl-istatus “magħluq” f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2023/956 sal-ħames sena wara r-revoka. Wara dak il-perjodu, il-kont tas-CBAM għandu jingħalaq b’mod permanenti.

4.   Kont tas-CBAM “magħluq” għandu jinfetaħ mill-ġdid mill-awtorità kompetenti li jippermetti lis-sid jissodisfa l-obbligu li jċedi l-għadd korrett ta’ ċertifikati tas-CBAM flimkien mar-rieżami ta’ dikjarazzjoni tas-CBAM sottomessa f’konformità mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) 2023/956.

Artikolu 25

Revoka immedjata

1.   L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tirrevoka l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-konklużjonijiet tar-rivalutazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 jiġġustifikaw dan;

(b)

id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM ikun waqqaf l-attività ekonomika tiegħu;

(c)

id-deċiżjoni li tagħti l-awtorizzazzjoni tkun ittieħdet abbażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux kompluta, u d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM kien jaf jew kellu raġonevolment ikun jaf li l-informazzjoni kienet skorretta jew mhux kompluta.

2.   Wara li d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM ikun instema’ f’konformità mal-Artikolu 27, l-awtorità kompetenti tkun tista’ tinnotifika lid-dikjarant awtorizzat tas-CBAM fir-reġistru tas-CBAM dwar ir-revoka immedjata tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM u r-raġunijiet għal dan mingħajr dewmien.

3.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandu jkun fiha r-rekwiżiti skont l-Artikolu 23, il-paragrafi (2) sa (7).

4.   Meta l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet dwar ir-revoka immedjata tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM, għandha tbiddel l-istatus tal-awtorizzazzjoni għal “revokat”.

Artikolu 26

Proċedura ta’ konsultazzjoni għal revoka

1.   L-awtorità kompetenti għandha tibda l-proċedura ta’ konsultazzjoni li tinvolvi l-partijiet ikkonsultati f’format elettroniku fir-reġistru tas-CBAM u tindika l-intenzjoni li tirrevoka l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM u għandha tirrikjedi, għad-deċiżjoni tagħha, informazzjoni addizzjonali dwar il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2023/956.

2.   Meta kwalunkwe waħda mill-partijiet ikkonsultati tqis li d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM ma jissodisfax waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet u l-kriterji meħtieġa għall-awtorizzazzjoni, li jiġġustifikaw ir-revoka skont l-Artikolu 17(8) tar-Regolament (UE) 2023/956, għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti li tkun nediet il-proċedura ta’ konsultazzjoni, bir-riżultati tal-konsultazzjoni, dokumentati u ġustifikati kif xieraq.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ tirrikjedi informazzjoni u dokumentazzjoni addizzjonali mill-partijiet ikkonsultati, meta l-awtorità kompetenti tqis li dan ikun meħtieġ biex tintlaħaq deċiżjoni ta’ revoka.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tiddetermina skadenza għall-proċedura ta’ konsultazzjoni, li ma għandhiex taqbeż il-15-il jum ta’ xogħol li jibdew mid-data tal-komunikazzjoni minn dik l-awtorità kompetenti tal-kundizzjonijiet u l-kriterji li l-partijiet ikkonsultati jeħtieġ li jeżaminaw.

L-awtorità kompetenti tista’ tiddetermina skadenza iqsar meta s-serjetà tal-azzjonijiet tad-dikjaranti awtorizzati tas-CBAM tiġġustifika dan.

5.   Meta l-partijiet ikkonsultati ma jwiġbux fi żmien l-iskadenza stabbilita għall-proċedura ta’ konsultazzjoni, il-kundizzjonijiet u l-kriterji li għalihom tkun saret il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandhom jitqiesu li ġew issodisfati.

Artikolu 27

Dritt li tiġi mismugħ għal revoka u appell

1.   L-awtorità kompetenti għandha tagħti lid-dikjarant awtorizzat tas-CBAM il-possibbiltà li jiġi mismugħ qabel ma jiġi revokat l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM.

2.   Fil-komunikazzjoni tagħha lid-dikjarant awtorizzat tas-CBAM, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi:

(a)

ir-referenza għad-dokumenti u l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti jkun beħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuqhom;

(b)

il-limitu ta’ żmien, li ma għandux jaqbeż il-15-il jum ta’ xogħol, li fih id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM jista’ jissottometti l-osservazzjonijiet;

(c)

meta applikabbli, il-limitu ta’ żmien, li ma għandux jaqbeż il-5 ijiem ta’ xogħol, li fih id-dikjarant awtorizzat tas-CBAM soġġett għar-revoka immedjata msemmija fl-Artikolu 25, jista’ jissottometti l-osservazzjonijiet.

3.   Meta d-dikjarant awtorizzat tas-CBAM jesprimi fehma qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b) jew il-punt (c), l-awtorità kompetenti tista’ tipproċedi bit-teħid tad-deċiżjoni finali, filwaqt li tqis l-osservazzjonijiet meta applikabbli, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx qed tesprimi simultanjament l-intenzjoni li tesprimi osservazzjonijiet ulterjuri fi żmien il-perjodu preskritt.

4.   Meta l-awtorità kompetenti tirrevoka l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM, u jiġi eżerċitat id-dritt ta’ appell, l-awtorità kompetenti għandha tinforma b’dan l-appell u tirreġistra l-konklużjonijiet tal-proċedimenti ta’ appell fir-reġistru tas-CBAM.

5.   L-appell imsemmi fil-paragrafu 4 ma għandux jissospendi d-deċiżjoni ta’ revoka.

KAPITOLU V

Protezzjoni tad-data

Artikolu 28

Protezzjoni tad-data personali

1.   Id-data personali speċifikata f’dan ir-Regolament u rreġistrata fir-reġistru tas-CBAM, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2023/956, għandha tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ miżuri relatati mal-għoti u r-revoka tal-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM.

2.   Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti li tagħti jew tirrevoka l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM għandha titqies bħala kontrollur skont it-tifsira tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679.

3.   L-ebda kategorija speċjali ta’ data, kif definita fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ma għandha tiġi rreġistrata għall-fini tal-applikazzjoni għall-istatus ta’ dikjarant awtorizzat CBAM u l-għoti tiegħu.

KAPITOLU VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mit-28 ta’ Marzu 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52, ELI: https://izqbfg4kev.proxynodejs.usequeue.com/eli/reg/2023/956/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: https://izqbfg4kev.proxynodejs.usequeue.com/eli/reg/2016/679/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data,, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ( ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: https://izqbfg4kev.proxynodejs.usequeue.com/eli/reg/2018/1725/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: https://izqbfg4kev.proxynodejs.usequeue.com/eli/reg/2013/952/oj).


ANNESS

Kontenut tad-deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ dikjarant awtorizzat tas-CBAM

Informazzjoni

Dikjarant awtorizzat tas-CBAM huwa rappreżentant doganali indirett?

Dikjarant awtorizzat tas-CBAM

- -

Isem u indirizz

- - -

Isem

- - -

Triq u numru

- - -

Kodiċi Postali

- - -

Belt

- - -

Pajjiż

- - -

Identifikazzjoni tal-attur

- - -

Numru EORI

Persuna ta’ kuntatt

- -

Isem

- -

Posta elettronika

- -

Numru tat-telefon

Dettalji ġenerali

- -

Numru tal-kont tas-CBAM

- -

Awtorità kompetenti li tieħu d-deċiżjonijiet

- -

Status tal-awtorizzazzjoni

- -

Data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni


ELI: https://izqbfg4kev.proxynodejs.usequeue.com/eli/reg_impl/2025/486/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)